Taljana tintlaqat minn ‘bendy bus’ f’Tas-Sliema

Taljana ta’ 32 sena lbieraħ intlaqtet minn ‘bendy bus’ fi Triq it-Torri, f’Tas-Sliema. Għalkemm il-kundizzjoni tagħha għadha mhix magħrufa, fortunatament il-mara ma tinsabx fil-periklu tal-mewt.
L-aċċident seħħ ilbieraħ il-Ħadd għall-ħabta tas-5.45 p.m.
Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u minn stħarriġ li għamlet irriżulta li t-Taljana, li hija residenti l-Belt Valletta, intlaqtet minn ‘bendy bus’ misjuqa minn żagħżugħ ta’ 26 sena, residenti Raħal Ġdid.
Fuq il-post issejħet ambulanza li ħadet lill-mara l-isptar Mater Dei għall-kura.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha b’rabta ma’ dan il-każ.