minn Victor Vella

Riduh bis-saħħa, iżda attendew 25 persuna biss

Sala Isouard fit-Teatru Manoel kienet mimlija siġġijiet – madwar mitt siġġu. L-istennija kienet kbira f’dik li hi attendenza ta’ kompożituri u awturi.
Ir-riżultat iżda kien li għal-laqgħa li saret għalihom u li fiha ingħataw dettalji għar-ritorn mill-ġdid tal-Festival Internazzjonali tal-Kanzunetta Maltija, attendew biss madwar 25 persuna.
Ma setax jonqos li Norman Hamilton, wieħed mill-organizzaturi ta’ din l-inizjattiva jesprimi d-diżappunt tiegħu għal din l-attendenza fqira.
Norman Hamilton sostna li “ninsab diżappuntat li l-kompożituri u awturi li tant xtaqu li dan il-festival jerġa’ jibda jsir, m’attendewx”. Hu ddeskriva din l-attendenza bħala “fqira”.
Iċ-Ċerpersin tal-Kumitat li se jorganizza dan il-festival hi Josette Grech Hamilton. Il-festival se jsir nhar is-Sibt 9 ta’ Novembru.
Għalkemm ma kienx hemm fondi disponibbli għal dan il-festival, is-Segretarjat Parlamentari sab il-fondi biex dan il-festival tant mixtieq jerġa’ jibda jiġi organizzat. Dan il-festival kien beda jsir fl-1981 u twaqqaf ħesrem fis-sena 2002.